
Dawk li rrealizzaw l-akbar suċċessi fil-lukandi Corinthia ġew onorati ftit ilu waqt l-għoti tal-Craftsperson of the Year Awards għall-2017. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni, fejn jingħataw premjijiet li dawk li matul is-sena jkunu taw servizz eċċezzjonali, attendew għaliha 23 rebbieħ minn għaxar pajjiżi u saret f’Diċembru f’Malta fil-lukanda Corinthia Palace.
Fost dawk nominati għall-ogħla ġieħ, iċ-Chairman’s Award, kien hemm tnejn minn Budapest, tnejn minn Praga, u wieħed kull wieħed minn Londra, St Petersburg, Lisbona, Khartoum, Tuneż, Spanja u l-Libja – kollha kemm huma diġà rebbieħa ta’ premjijiet f’pajjiżhom. Tnax minnhom ma kellhomx għalfejn jivvjaġġaw ‘il-bogħod għax kienu jirrappreżentaw l-aħjar fost l-aħjar mill-operazzjonijiet diversi tal-Corinthia f’Malta. B’rappreżentanza varja ta’ gradi u xogħol differenti – minn ħaddiema fl-amministrazzjoni għal dawk fil-bejgħ, minn nies fl-IT għal dawk fil-Food and Beverage – dawk nominati kienu jiġbru, f’għajnejn il-ġurija, il-valuri mħaddna mill-Corinthia fil-‘Craftsmanship of Care’ – li huma l-awtentiċità, l-intendiment, il-preċiżjoni u l-passjoni.
Iċ-Chairman tal-Corinthia, is-Sur Alfred Pisani, iddeskriviehom bħala “persuni eżemplari li jinkorporaw dik li hi l-essenza tal-Kumpanija: id-dedikazzjoni u l-eċċellenza f’kull ma nagħmlu. Il-ħaddiema nominati huma kollha fitti biex jilħqu standards għolja ta’ kwalità, u huma l-isforzi tagħhom illi lill-Kumpanija u ‘l-lukandi tagħna jagħmluhom uniċi.” Is-serata laħqet il-quċċata tagħha meta tħabbar ir-rebbieħ taċ-Chairman’s Award, li ilu mill-2010 jaħdem fl-ambjent diffiċli tal-kapitali Libjana.
“…dawk nominati kienu jiġbru, f’għajnejn il-ġurija, il-valuri mħaddna mill-Corinthia fil-‘Craftsmanship of Care’ – li huma l-awtentiċità, l-intendiment, il-preċiżjoni u l-passjoni.”
Stephen Micallef ġarr l-ogħla premju għax-xogħol bla hedu tiegħu bħala l-Facilities Manager ta’ Palm City fi Tripli. Waqt iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni iċ-Chairman tal-Corinthia ddeskrivieh bħala “bniedem li jsolvi l-problemi u li ħadem b’dedikazzjoni f’kondizzjonijiet xejn faċli. Ma tinqala’ ebda problema li jġibha bi kbira. Kull min jaħdem ma’ Stephen għandu l-akbar rispett lejh. Huwa bniedem tassew uniku.”
Stephen beda jaħdem fil-Palm City Residences fid-distrett ta’ Janzour tal-kapitali Libjana fl- 2010, sena qabel ma faqqgħet ir-Rivoluzzjoni Libjana. Kien evakwat għal tliet xhur meta s-sitwazzjoni ħżienet fil-bidu tal-2011, imma aktar tard fl-istess sena ħadem u stinka mat-tim Libjan tiegħu biex ġab ix-xogħol ‘il quddiem, tant li fis-sentejn ta’ wara l-kumpless ġie li kellu okkupanza ta’ ‘l fuq minn 90 fil-mija.
Stephen twieled tas-Sliema, Malta, u qatta’ 30 sena minn ħajtu fil-Belt Valletta jaħdem fil-manifattura metallika. Il-ħatra tiegħu fil-Libja kienet l-ewwel waħda li kellu barra minn Malta. Hu jiġi Malta ta’ spiss biex iżur lil ibnu ta’ 30 sena u lin-neputi.
Meta ntalab jagħti r-reazzjoni tiegħu għar-rebħ taċ-Chairman’s Award, Stephen qal: “Inħossni litteralment bla kliem. Ma kontx qed nistennieha, kienet verament sorpriża. Ma narax li għamilt xi ħaġa speċjali. Dawk li kienu nominati miegħi kien jixirqilhom jirbħu iżjed minni. Imma fl-aħħar mill-aħħar il-ġurija tiddeċiedi. It-tim tiegħi jaħdem taħt kondizzjonijiet tassew diffiċli u jien kburi bihom. Kull ma ksibt illum nafu lilhom. Fil-Libja għaddejna minn bosta ġrajjiet flimkien, u dan kollu jġagħalni nħossni ħafna qrib tagħhom. Din mhix biċċa xogħol ta’ bniedem waħdu, imma ta’ tim jaħdem flimkien.”
Meta jitkellem fuq xogħlu Stephen jgħid li l-aktar importanti hu li “xogħlok tkun tħobb tagħmlu. Jien inqis lil Palm City bħala dari, għalhekk nagħmel għal Palm City dak li nagħmel għall-familja tiegħi, daqs kieku kienet tiegħi. Hemm qiegħed is-sigriet. Jien nara futur sabiħ għal Palm City. Ir-rati tal-okkupanza qed jogħlew, illum qegħdin madwar l-20 sal-25 fil-mija, u qed jitjiebu aktar ma mmorru.”
“Nagħmel għal Palm City dak li nagħmel għall-familja tiegħi, daqs kieku kienet tiegħi. Hemm qiegħed is-sigriet.”

Ir-rebbieħa tal-premju Craftsperson of the Year (internazzjonali) għall-2017 kienu:
Miranda Vasiliou, għax-xogħol eċċezzjonali tagħha bħala Payroll Supervisor fil-lukanda Corinthia ta’ Londra – “xempju tal-preċiżjoni, hija assi li ma ssibx bħalu”.
Gabor Eszes, Purchasing Manager fil-lukanda Corinthia ta’ Budapest – “l-aqwa eżempju għall-impjegati l-oħra…jgħix f’kull sens il-valuri tal-Ispirtu tal-Corinthia”.
Zoltan Boros, Senior Sales Manager fil-lukanda Aquincum ta’ Budapest – “Attitudni pożittiva u xogħol eċċezzjonali … ta’ eżempju għall-impjegati kollha tal-lukanda”.
Monika Soblova, Housekeeping Supervisor fil-lukanda Corinthia ta’ Praga – “kellha sehem kruċjali fl-iżvilupp tal-kollegi tagħha … dinamika, pożittiva, mimlija ħeġġa”.
Dana Zelivska, Junior Sous Chef fil-lukanda Panorama ta’ Praga – “attenzjoni dettaljata għall-kwalità … passjoni u dedikazzjoni matul karriera ta’ 35 sena”.
Valeria Kontsevich, Sales Executive fil-lukanda Corinthia Hotel ta’ St Petersburg – “tmur lil hinn minn dak li jitlob xogħolha … turi xi jfisser verament li tieħu ħsieb il-klijent”.
Debora Lopes, Front Office Agent fil-lukanda Corinthia ta’ Lisbona – “eċċezzjonali … proattiva … dejjem lesta tgħin lil sħabha f’xogħolhom”.
Fawaz Azhari Akasha, Assistant IT Manager fil-lukanda Corinthia ta’ Khartoum – “dejjem jagħmel dak l-isforz żejjed biex jgħin lil sħabu fil-bżonn … affidabbli … moħħu ffokat fuq id-dettall”.
Mohamed El May, HR Co-ordinator fir-Ramada Plaza, Tuneż – “fitt fuq l-istandards u l-kwalità … bniedem li jħoss u jgħin”.
Judith Flores, Training Manager fil-Costa Coffee, Spanja – “etika meraviljuża fix-xogħol … tagħmel l-almu tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-prodott u tas-servizz”.
Stephen Micallef tal-Palm City Residences, il-Libja.
Ir-rebbieħa tal-premju Craftsperson of the Year għall-2017 ibbażati Malta kienu:
John Azzopardi (Radisson Blu Resort, San Ġiljan), Michaela Bianco (uffiċċju ċentrali), Mauro Caruana (QP), John Clements (Corinthia Palace), Claire Goodlip (Malta Fairs & Conventions Centre), Sera Anna Dalli (Marina Hotel) , Christine Hili (HNS), Neville Inguanez (Corinthia San Ġorġ), Melchior Long (Swan Laundry & Dry Cleaning), Nathalie Micallef (Radisson Blu Resort, Golden Sands), Clayton Mifsud (Danish Bakery) u Mario Psaila (Costa Coffee).