Ħamsin sena ta’ eċċellenza

MESSAĠĠ MIĊ-CHAIRMAN 

 

F’din il-ħarġa tas-sajf tal-Insider għandna ħafna x’niċċelebraw. Ix-xahar ta’ Ġunju 2018 jimmarka l-ħamsin anniversarju mill-ftuħ uffiċjali tal-ewwel lukanda tagħna – il-Corinthia Palace f’Malta, u jien tassew ferħan nara l-Insider jagħti ħarsa lura lejn dik l-istorja – waħda li tant hi għażiża għalija u għall-familja tiegħi. Hija storja li mhux biss tikxef kif twieldet il-Corinthia – it-twaqqif tagħha u l-perijodu formattiv – imma tiddefinixxi l-ispirtu li sa llum, ħamsin sena wara, għadu fil-bażi ta’ kull ma tagħmel il-Kumpanija.

Dan ix-xahar, wara li saru magħrufa r-riżultati eċċellenti tal-2017, stajna nħabbru li l-azzjonisti preġjati kollha tagħna se jinħarġilhom dividend nett ta’ żewġ ċenteżmi għal kull sehem. Din hija aħbar tassew ta’ pjaċir għalija, għaliex m’hemmx prijorità akbar għall-Kumpanija milli li tkun ta’ benefiċċju għall-interessi finanzjarji tal-azzjonisti u tħallashom lura tal-appoġġ prezzjuż tagħhom. Il-ħsieb tagħna hu li, sakemm ma tinqalax xi force majeure, nibqgħu nqassmu d-dividendi regolarment kull sena.

“Dan ix-xahar, wara li saru magħrufa r-riżultati eċċellenti tal-2017, stajna nħabbru li l-azzjonisti preġjati kollha tagħna se jinħarġilhom dividend nett ta’ żewġ ċenteżmi għal kull sehem.”

Alfred Pisani mal-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, fil-ftuħ tal-lukanda Corinthia Palace nhar il-11 ta’ Ġunju 1968.

 

Id-dettalji tal-prestazzjoni finanzjarja rekord tal-IHI is-sena l-oħra, u x’wassal għaliha, huma ttrattati band’oħra f’din l-edizzjoni. Miniex se noqgħod nirrepetihom. Biżżejjed ngħid li jagħmluni kburi immens bit-tim tal-kapijiet tagħna, il-general managers tal-lukandi, u l-eluf l-oħra ta’ “Korinti” li jaħdmu mferrxa mal-lukandi u n-negozji diversi tal-IHI, illi kien bl-isforzi tagħhom li dan kollu sar possibbli. Għandi fiduċja li bit-tim li għandna nistgħu naslu ‘l bogħod u nkunu fost l-aqwa fis-settur tagħna.

Hekk kif kważi għadda t-tieni kwart tal-2018 diġà nistgħu nħarsu lura lejn bosta kisbiet eċċitanti u proġetti ġodda li tellaqna. Kollha għandhom fattur komuni: li nilħqu l-eċċellenza f’kull ma nagħmlu. Flimkien ma’ dik il-missjoni permanenti tagħna hemm l-impenn li nilħqu objettivi ġodda, li neċċedu l-miri ta’ qabel, u li noħolqu l-kondizzjonijiet ideali biex il-Kumpanija u n-nies tagħna jilħqu qċaċet ġodda.

Din l-edizzjoni tal-ġurnal online tal-IHI tagħti daqqa t’għajn lejn uħud mill-proġetti ġodda interessanti li għandna għaddejjin, u tfehemna ftit kif qed jiżviluppaw. Tiċċelebra n-nies li hemm wara din il-Kumpanija, li bl-isforzi tagħhom qed jikkonfermaw lill-Corinthia Hotels bħala wieħed mill-aktar ismijiet ta’ lukandi ta’ lussu rispettati fid-dinja.

Aħna magħrufin li għandna proprjetajiet li jgħaġġbu u tal-ogħla klassi. Imma bla dubju huma n-nies li huma l-aqwa assi tagħna. Il-missjoni tal-Corinthia mill-bidu nett kienet li nirresponsabilizzaw lin-nies tagħna, li ngħinuhom jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom, u b’hekk ikollhom ħajja aktar rikka. Imma dan il-proċess jaħdem miż-żewġ naħat: il-fiduċja li nagħtu lil kull impjegat tistrieħ fuq kuntratt mhux miktub, illi l-impjegat jagħti l-aqwa sforzi tiegħu, u li l-istandard ta’ xogħlu jkun iddettat mill-kuxjenza u l-integrità tiegħu. Hija din l-awtodixxiplina li tiddetermina fejn naslu fil-ħajja. Meta jien insemmi ‘l-Ispirtu tal-Corinthia’, ikun hemm din l-integrità, din il-passjoni għall-eċċellenza, dan l-impenn għall-integrità, fil-qalba tal-messaġġ tiegħi.

It-taskforce internazzjonali tal-Corinthia li assista lil-lukanda Meydan fit-Tazza tad-Dinja ta’ Dubai 2018.

Jiena kuntent speċjalment li din l-edizzjoni tinkludi aġġornamenti fuq l-iżvilupp maġġuri tal-IHI f’Dubai – il-Corinthia Hotel & Residences ta’ Meydan Beach, u x-xogħol eċċellenti ta’ waħda mill-aktar lukandi preġjati fil-portafoll tal-IHI, il-Meydan, fil-qadi tal-ħtiġijiet tat-Tazza tad-Dinja ta’ Dubai fl-2018. Fiċ-ċentru tal-attenzjoni hemm ukoll ir-rapporti dwar l-iżviluppi fir-Romanija, li jsegwu fuq l-aħbar li tajna li se niżviluppaw mill-ġdid dik li kienet il-Grand Hotel du Boulevard f’Bucharest u mmexxuha aħna.

Is-sala tal-ballu tal-Grand Hotel du Boulevard, Bucharest. Il-lukanda se tiftaħ bħala l-Corinthia Hotel Bucharest f’Diċembru 2019.

Din l-inizjattiva, jiġifieri li nerġgħu nagħtu l-ħajja lil oħra mill-“grand hotels” ikoniċi tal-Ewropa, tkompli turi l-impenn tagħna li nakkwistaw aktar u aktar kuntratti ta’ tmexxija fis-snin li ġejjin, u li noħolqu sħubija ma’ sidien terzi li jaraw is-suċċess kummerċjali tagħhom għall-ġejjieni marbut mal-isem tal-Corinthia, u mal-valuri ta’ eċċellenza u sengħa ta’ ħila li għalihom aħna magħrufin.  Barra minn hekk, il-premura li nidħlu f’aktar kuntratti ġodda ta’ tmexxija ssaħħaħ l-impenn li tajna lill-azzjonisti li ‘l quddiem nirrendulhom dħul fuq l-investiment tant apprezzat tagħhom. Fi ftit kliem, il-mira tagħna li nibqgħu nikbru qatt ma kienet ċara daqs illum, u dak it-tkabbir jistrieħ fuq riċerka bir-reqqa u fuq ġudizzju kummerċjali għaqli.

Żommu f’moħħkom dan: illi aħna u nkabbru din il-Kumpanija qed noħolqu ambjenti kummerċjali ġodda u dinamiċi, qed noħolqu wkoll opportunitajiet ta’ impieg għal ġenerazzjoni ġdida ta’ “Korinti”. Din hi responsabbiltà li qiegħda għal qalbna – għax meta ġenerazzjoni tieħu post l-oħra nkunu qed inwittu t-triq għas-suċċess fit-tul tal-Kumpanija.

Hekk kif qed noqorbu lejn it-tielet kwart tas-sena, bir-riħ sħun tas-sajf fil-qala’, nieħu l-okkażjoni biex ngħid grazzi lil kull wieħed u waħda minnkom – il-familja tal-Corinthia – għad-dedikazzjoni u l-impenn kontinwu tagħkom.