Imħabbar dividend interim

L-AZZJONISTI TAL-IHI IGAWDU L-FROTT 

Il-prestazzjoni rekord  li kellha l-IHI fl-2017 ħalliet profitt nett ta’ €15-il miljun, l-ogħla profitt nett li qatt kellha l-Kumpanija fi 18-il sena ta’ storja. Bis-saħħa ta’ din il-prestazzjoni, dax-xahar l-IHI ħabbret dividend nett ta’ żewġ ċenteżmi għal kull sehem lill-azzjonisti tagħha. Din il-mossa ġiet wara li kien hemm konferma tar-riżultati tal-aħħar tas-sena li juru kif l-IHI jirnexxilha kull sena tmur aħjar mis-snin ta’ qabel – u dan waqt li tibqa’ għaddejja bl-iżviluppi li jkomplu jistabilixxu lill-Corinthia Hotels bħala isem globali ta’ lukandi ta’ lussu.

F’kumment lil Insider+, is-CEO konġunt Simon Naudi iddeskriva l-aħbar tad-dividend bħala konsolidament tal-kisbiet reċenti.

“L-ewwel u l-akbar impenn tagħna huwa li nġibu ‘l quddiem l-interessi finanzjarji tal-azzjonisti,” qal is-Sur Naudi. “Il-lukandi li noperaw reġa’ rnexxielhom jilħqu l-miri ambizzjużi li ffissajna, u ħadna passi importanti biex inkabbru l-portafoll tagħna, b’kuntratti ma’ lukandi ġodda u b’lukandi oħra fi stadji attivi ta’ disinn u kostruzzjoni.”

Il-portafoll tal-IHI fih 21 lukanda, li minnhom 13 huma proprjetà sħiħa jew parzjali tal-Kumpanija. L-oħrajn huma proprjetà ta’ investituri sħab, fosthom uħud li huma azzjonisti tal-IHI. Erba’ lukandi importanti ġodda huma fi stat ta’ żvilupp – fi Brussell, Bukarest, Doha u Dubai.

Il-prestazzjoni tal-2017 tkompli turi trajettorja ta’ tkabbir li jibqa’ jżid fuq tas-snin ta’ qabel. Fl-2013, ilu biss erba’ snin, l-IHI kellha EBITDA, jiġifieri qligħ qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-amortizzament, ta’ €33.3 miljun. Is-sena l-oħra din iċ-ċifra telgħet għal €61.3 miljun – żieda fuq it-€53 miljun tal-2016 u kważi d-doppju tal-profitti tal-2013 – li ġew minn introjti akbar,  minn prattiċi aktar effiċjenti fl-operat tal-lukandi u n-negozji tal-IHI, kif ukoll minn dħul derivat minn akkwiżizzjonijiet u proġetti ġodda.

 

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-IHI tal-5 ta’ Ġunju 2018. Ritratt: Rene Rossignaud

Meta tkellem fuq dan l-aħħar kapitlu tal-istorja ta’ tkabbir tal-IHI, is-CEO konġunt Joseph Fenech żied jgħid:

“80 fil-mija tad-dħul tagħna ġej mil-lukandi li huma proprjetà sħiħa jew parzjali tagħna. Huwa fatt li jagħmlilna kuraġġ li f’kull każ, kif ġara anke bil-lukandi li noperaw għal partijiet terzi, ir-riżultati li kellna minn sena għal sena kienu dejjem aħjar. Dan kollu jixhed id-dedikazzjoni u l-hila tan-nies tagħna – dawk kollha li jħaddmu u jsostnu l-proprjetajiet tagħna.”

L-EBITDA aġġustat tal-IHI tela’ għal €61 miljun, minn dħul totali ta’ €242 miljun, li prinċipalment kien derivat mill-operazzjoni tal-lukandi proprjetà tal-Grupp jew taħt it-tmexxija tiegħu. Hemm imdaħħla wkoll il-kontribuzzjonijiet tal-attivitajiet tal-catering u d-dħul minn servizzi ta’ project  management għal partijiet terzi.

L-istruttura tal-Grupp

 

Ċifri ewlenin mill-Corinthia Hotels Limited

Il-Corinthia Hotels qed tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha ta’ operatur ta’ lukandi ta’ lussu dinamiku u li jġib valur miżjud. Fl-2017 inbeda pjan strateġiku biex il-kumpanija tkompli tibni fuq id-dimensjonijiet ta’ marketing u riżorsi umani, b’mira aktar iffokata fuq il-kwalità u s-servizz fil-lukandi kollha tal-Corinthia. Il-kumpanija rrinforzat it-tim tal-kapijiet bil-ħatra ta’ COO, Director of Rooms & Quality, Director for Learning & Development, u Director of Marketing, kollha magħżula minn uħud fost l-aqwa gruppi dinjin fl-industrija tal-lukandi u l-ivvjaġġar.

Fl-istess waqt, il-Corinthia Hotels qiegħda tagħti spinta ġdida lit-teknoloġija. F’dan ir-rigward, ġie mqabbad tim ta’ nies biex jikkonċentraw speċifikament fuq l-aspetti kollha tat-teknoloġija, inklużi l-informatika, is-sigurtà, is-sistemi korporattivi u dawk back-end, kif ukoll is-sistemi u l-proċessi kollha li jmissu magħhom il-klijenti. L-innovazzjoni teknoloġika hija kruċjali jekk kumpanija li tmexxi l-lukandi trid timxi ‘l quddiem.

 

Ċifri ewlenin mill-QP Limited

L-2017 kienet sena pożittiva għall-QP.  Matul is-sena rnexxielha tirbaħ numru ta’ proġetti,  fejn offriet diversità ta’ servizzi professjonali ta’ kostruzzjoni, inklużi servizzi ta’ disinn, inġinerija u tmexxija. Id-dħul għas-sena kien kemm kemm taħt l-€4 miljun, li jfisser żieda sew fuq l-2016, meta kien ta’ €2.9 miljun.

Ta’ min jinnota li ‘l fuq minn 80 fil-mija tad-dħul oriġina minn proġetti ta’ terzi, li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-Corinthia. Dawn ivarjaw minn proġetti ta’ infrastruttura għal ajruporti, bini high rise, imħażen, lukandi ta’ lussu, sptarijiet, u żviluppi residenzjali u kummerċjali. Ta’ min jgħid ukoll li, waqt li n-norma internazzjonali fl-industrija għal kumpaniji simili  li jipprovdu servizzi professjonali fil-kostruzzjoni hi li jlaħħqu EBITDA ta’ 15 fil-mija tad-dħul ġenerat, fl-2017 il-QP rnexxielha tirreġista EBITDA ta’ 22 fil-mija tad-dħul.

 

Ċifri ewlenin mill-CDI Limited

Is-CDI kienet attiva ġmielha fl-2017, li kienet l-ewwel sena sħiħa tal-operat tagħha. Is-CDI esplorat u bdiet numru ta’ proġetti off-market, fi bliet u ċentri turistiċi bħal New York, Miami, Los Angeles, Moska, Ruma u Cannes. Fil-każi kollha s-CDI qed taħdem biex diversi tranżazzjonijiet ta’ negozju ta’ art u proprjetà jseħħu, issib il-finanzjament permezz ta’ investiment u self minn terzi, u tirrealizza akkwiżizzjonijiet u żviluppi li mbagħad isiru fost l-aqwa lukandi bl-isem tal-Corinthia. Naturalment, mhux il-proġetti kollha jaslu biex iseħħu, imma l-kapaċità tas-CDI li tniedi proġetti ta’ proprjetà u tiġbor finanzjament estern mingħand investituri istituzzjonali magħrufa madwar id-dinja tawgura tajjeb għall-futur ta’ din il-kumpanija.

 

Ċifri ewlenin mill-Catering Division

Matul is-sena li qed nitkellmu fuqha ttieħdu passi biex il-marki u l-operazzjonijiet varji tal-catering li kellha l-kumpanija hawn Malta jiġu kkonsolidati u miġbura taħt entità waħda – il-Corinthia Caterers. Din l-entità l-ġdida topera minn unità ta’ produzzjoni waħda ċentralizzata u tipprovdi servizzi ta’ catering għal avvenimenti f’għadd ta’ swali esklussivi f’Malta, kif ukoll servizzi b’kuntratt lil diversi istituzzjonijiet bħal sptarijiet, l-Università, u linji tal-ajru internazzjonali li jtiru minn Malta.