Ejjew nimxu ‘l quddiem qalbna qawwija

MESSAĠĠ MIĊ-ĊHAIRMAN ALFRED PISANI 

F’din l-ewwel ħarġa b’dehra ġdida tal-IHI Insider, il-ġurnal tagħna online, nixtieq nieħu l-opportunità li nagħti daqqa t’għajn lura lejn dak li ksibna s-sena l-oħra, u b’ħarsa ‘l quddiem nara x’inhuma wħud mill-isfidi u l-opportunitajiet li għandna jistennewna. Fl-2017 l-IHI għal darb’oħra kellha riżultati finanzjarji record u rnexxielha tikber fuq kull front: fil-profitti mill-operat tal-lukandi kollha u tan-negozji varji tagħna, fl-iżvilupp li għandna għaddej ta’ lukandi ġodda, u fir-riżorsi umani. Il-fatturi li wasslu għal dawn ir-riżultati rekord huma spjegati minn Joe Fenech u Simon Naudi, is-CEOs konġunti tagħna, f’parti oħra ta’ din il-ħarġa, u m’għandix għalfejn noqgħod nirrepeti dak li hemm fir-rapport intuwittiv tagħhom, ħlief li ngħid li jiena tassew kburi bil-prestazzjoni li kellha l-Kumpanija s-sena l-oħra.

Għal darb’oħra ksibna riżultati finanzjarji rekord u esperjenzjajna t-tkabbir fuq diversi fronti: fil-profitti mill-operat tal-lukandi u tas-setturi varji tan-negozju tagħna, kif ukoll fir-riżorsi umani. It-tkabbir jiġi f’diversi forom, imma m’hemm xejn aktar ta’ sodisfazzjon mill-fatt li kull sena qegħdin kontinwament nikkonsolidaw ir-rabta li teżisti bejn il-membri kollha tal-familja tal-Corinthia. Dak li jagħmilni aktar kburi hu l-immaġinazzjoni u l-enerġija li kien hemm biex dan kollu seta’ jsir – enerġija ffondata fuq impenn u perseveranza totali. Lil dawk kollha li ħadmu biex dan iseħħ – ibda mill-aktar nies ġodda li ngħaqdu magħna sa dawk imlaħħqa fit-tmexxija – ngħidilkom grazzi tal-isforzi tal-għaġeb tagħkom.

Fis-sena 2017 saru xi ħatriet importanti fit-tim tat-tmexxija għolja tagħna, biex nilqgħu aħjar għall-isfidi tal-futur u nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li hemm. Żidna Chief Operating Officer ġdid, kif ukoll Direttur tal-Learning and Well-Being, u fl-2018 se nżidu aktar pożizzjonijiet biex nixprunaw aktar l-iżvilupp globali tagħna. Ix-xogħol ewlieni tas-COO hu li jdaħħal sistemi li jiżguraw li jkun hemm konsistenza fl-istandards mifruxa mal-lukandi kollha ta’ lussu li noperaw. Biex jikkomplementa din il-missjoni hemm id-Direttur il-ġdid tal-Learning & Well-Being, li bil-ħidma tagħha se tieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u żvilupp tar-riżorsi umani fil-livelli kollha tal-Kumpanija.

“Għall-2018 erġajna fassalna baġits li jeċċedu l-miri tal-passat. Il-Corinthia hekk taħdem – li ma tibżax tidħol għal sfidi ġodda għax għandha fiduċja fil-kapaċità u d-dedikazzjoni tan-nies tagħha.”

L-investiment li nagħmlu fit-tagħlim u t-taħriġ huwa kruċjali għall-futur tagħna. Dan mhux biss biex ngħinu lill-impjegati attwali jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom, imma b’għajnejna ffokati fuq il-ġenerazzjoni li jmiss,  biex inwassluhom li jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jiddirieġu l-operazzjonijiet tagħna lejn standards dejjem ogħla. It-tielet qasam li qed ninvestu fih jikkonsisti f’tim ta’ nies li jkun kapaċi jidentifika żviluppi huma fejn huma madwar id-dinja fejn sidien terzi jistgħu jkunu jeħtieġu s-servizzi tagħna. Għal dan il-għan se jkollna tim ta’ eżekuttivi li jkopru l-lokazzjonijiet varji li jinteressawna, fosthom l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

Iċ-Chairman Alfred Pisani jagħmel id-diskors tiegħu waqt l-ikla tal-Corinthia għall-Milied 2017

Fl-2017 il-Kumpanija ċċelebrat il-55 anniversarju. Waqt li l-Corinthia tkompli tikber bħala isem globali, hu importanti li ngħid xi ħaġa fuq Malta, fejn bdiet l-istorja tagħna, speċjalment għaliex qatt ma kellna pjani ambizzjużi għal Malta daqs kemm għandna llum. Fl-2017 temmejna l-integrazzjoni u l-merġer tal-Island Hotels Group fl-IHI, li rat elf persuna ġdida ssir parti mill-familja tal-Corinthia. Bis-saħħa tal-merġer, iż-żewġ servizzi tal-catering issa huma kkonsolidati f’operazzjoni waħda, taħt l-isem kummerċjali ta’ Corinthia Caterers. Fl-istess ħin, il-pjani tagħna għall-Bajja ta’ San Ġorġ, fejn se jkollna l-ewwel lukanda ta’ sitt stilel f’Malta flimkien ma’ żvilupp residenzjali u kummerċjali, qegħdin fi stadju avanzat sew. Jiena nemmen bil-qawwa li Malta għandha potenzjal turistiku lil hinn minn dak li jeżisti bħalissa. Meta aħna qed nibnu l-ewwel lukanda ta’ sitt stilel, qed inkunu fuq quddiem nett bħala xempju fil-mixja ‘l quddiem lejn era ta’ turiżmu ta’ kwalità, u jien nemmen li dan huwa fattur kritiku biex Malta fil-future tkun post fejn tista’ tgħix, u tgħix fil-prosperità. ‘L hemm għandna nimmiraw: lejn il-vjaġġatur ta’ valur nett għoli.

Għall-2018 erġajna fassalna baġits li jeċċedu l-miri tal-passat. Il-Corinthia hekk taħdem – li ma tibżax tidħol għal sfidi ġodda għax għandha fiduċja fil-kapaċità u d-dedikazzjoni tan-nies tagħha. Lil dawk kollha li qed isuqu dan is-suċċess, lin-nies tagħna, lill-membri kollha tal-familja tal-Corinthia, ħa ngħidilkom li għandkom il-fiduċja tiegħi kollha li jirnexxilkom tilħqu l-isfidi li għandkom quddiemkom. Il-Corinthia hija kumpanija ta’ viżjonijiet li seħħu realment. Dejjem hekk kienet, u dejjem hekk se tibqa’.

Is-sena l-oħra tennejna l-ħsieb tagħna li nikkonkludu 50 ftehim ta’ tmexxija ta’ lukandi internazzjonali fuq il-ħames snin li ġejjin. Dan l-impenn qed nagħmluh biex nassiguraw li l-mira tagħna tibqa’ “it-tkabbir”, biex infittxu destinazzjonijiet ġodda fejn intajru l-bandiera tagħna. Illum wasalna fi stat fejn huma s-sidien terzi stess tal-lukandi li qed ifittxu lilna, għax iħossuhum komdi li l-Corinthia tista’ taqdi l-ħtiġijiet tal-operat tagħhom billi tapplika l-ogħla standards fit-tħaddim tal-proprjetajiet tagħhom.

Biex nilħqu din il-mira ta’ 50 lukanda ħloqna l-Corinthia Developments International, fejn niltaqgħu mas-sidien terzi tal-lukandi u naqraw u ninterpretaw il-pjani tagħhom u nsostnuhom fil-ġbir tal-finanzjament u t-tmexxija tal-proġetti għall-proprjetajiet tagħhom.  Wara li noffru dawn is-servizzi ma jistax jonqos li jappuntawna bħala l-kumpanija tat-tmexxija tal-lukanda tagħhom, kif fil-fatt qed jiġri. Is-suċċess li kellna s’issa tana l-kuraġġ biex issa nfittxu opportunitajiet fiċ-Ċina, il-Ġappun, u l-Istati Uniti, kif ukoll iżjed qrib tagħna fil-Marokk, ir-Rumanija, il-Ġermanja u l-Italja.

Meta tħares lejn il-proġetti li għandna fl-iżvilupp, tara li huma verament inizjattivi kuraġġużi. Fi Brussell, il-Corinthia Grand Hotel Astoria miexja ‘l quddiem. Il-kapital u s-self bankarju għal din il-proprjetà prominenti straordinarja huma diġà assigurati, id-disinn kollu lest, u l-proċess tal-offerti jingħalaq f’Marzu biex imbagħad f’April jibda x-xogħol tal-bini. Din mhux talli se tkun l-aqwa lukanda fi Brussell imma se tispikka fost l-aħjar fl-Ewropa.

F’Dubai fl-2017 bdiet tinbena l-Corinthia Hotel and Residences f’Meydan Beach. Ix-xogħol miexi b’pass mgħaġġel tant li l-ftuħ ta’ dan il-kumpless lussuż fil-qalba tax-xatt ta’ Dubai huwa ffissat għal April tal-2020. Barra minn hekk, wara li s-sena ta’ qabel iffirmajna l-kuntratti biex nipprovdu servizzi tekniċi u ta’ management għal-lukanda ġdida tal-Corinthia f’ Doha, fl-2017 beda x-xogħol tad-disinn fid-dettall ta’ din il-proprjetà – li se tkun lukanda oħra ikonika. Dawn il-proġetti sinjifikanti jagħtu indikazzjoni ta’ fejn aħna sejrin, għaliex issa aħna kommessi sa ruħna li nifirxu l-isem tagħna mad-dinja kollha. Fejn wasalna sa llum huwa biss il-bidu.

Impressjoni artistika ta’ kif se jkunu jidhru l-Corinthia Hotel & Residences f’Meydan Beach, Dubai

Nagħlaq dan il-messaġġ billi nirrifletti ftit fuq dak li nsejħulu “l-Ispirtu tal-Corinthia”, jiġifieri l-impenn tagħna lejn il-ġid tan-nies tagħna kollha, għaliex dan huwa l-barometru li jkejjel is-saħħa tal-kumpanija u l-prospetti tagħna għas-snin li ġejjin. Il-Corinthia hija forza ħajja u dinamika. L-għeruq tagħha huma mxettla fil-gżira ċkejkna ta’ Malta, fejn aktar minn nofs seklu ilu jien u ħuti waqqafna l-Kumpanija – li l-ewwel prodott tagħha kien ristorant ta’ kwalità li aktar tard evolva biex sar il-lukanda Corinthia Palace.

Mill-bidu nett tagħha l-Corinthia kellha l-ħila u d-determinazzjoni li tmur għal standards ogħla, li tiffissa miri li min kien xettiku kien jgħidilna li ma stajniex nilħquhom, li nerfgħu aktar milli nifilħu. Dan il-karattru, dan l-Ispirtu, għadu sa llum il-qawwa li tħeġġiġna u li tagħtina l-vantaġġ fil-kompetizzjoni. Hija l-imġiba tagħna li tiddefinixxi l-Ispirtu tal-Corinthia. Dak li nagħmlu nagħmluh għall-klijenti tagħna. Nagħmluh għall-kollegi tagħna. L-Ispirtu ta’ din l-imġiba hu dak li jgħaqqadna. Hija l-fehma li għandna li naqsmu dak li nafu, li nqawwu lil xulxin, li ngħinu wieħed lill-ieħor biex insiru aħjar, u li nimmiraw għall-eċċellenza f’kull ma nagħmlu.

Naf li nistgħu nħarsu ‘l quddiem lejn l-2018 b’fiduċja u b’għan uniku, bis-saħħa ta’ dak li ksibna, u lesti biex niktbu l-kapitlu li jmiss fl-istorja tal-Corinthia.

“Mill-bidu nett tagħha l-Corinthia kellha l-ħila u d-determinazzjoni li tmur għal standards ogħla, li tiffissa miri li min kien xettiku kien jgħidilna li ma stajniex nilħquhom, li nerfgħu aktar milli nifilħu.”