Xogħol Karitatevoli ta’Ispirazzjoni ta’ Marisa Xuereb 

IN-NIES TAGĦNA 

Ix-xogħol bla hedu ta’ Marisa Xuereb għall-karità huwa rifless tal-kredenzjali tal-Corinthia bħala ċittadin korporattiv eżemplari. 

Kitba ta’ Jo Caruana

Bħala Administration Manager tal-lukanda Corinthia Palace, Marisa Xuereb tiddedika l-ħin tagħha biex tara li d-diversi aspetti tal-proprjetà jimxu bla xkiel, imma x-xogħol tagħha ma jiqafx hemm. Hija ddedikat parti sew mill-karriera u l-ħajja personali tagħha għal proġetti ta’ karità. Bil-ħidma tagħha għenet biex inġabru ‘l fuq minn €85,000 għall-karità assoċjata tal-Corinthia Beyond The Moon.

Marisa hija wieħed mill-uċuħ l-aktar familjari fil-lukanda. Sew jekk tkun qed tilqa’ l-mistednin bit-tbissima partikolari tagħha, jew tkun torganizza l-fiera tal-Milied jew ta’ Jum l-Omm, hija meqjusa membru sod tat-tim minn mindu daħlet l-ewwel darba mill-bibien tal-lukanda fl-1991 biex tieħu l-ħatra ta’ assistent personali tal-general manager.

“Ikolli ngħid li issa sirt biċċa mill-għamara,” tgħid Marisa, “u lanqas nixtieq li jkun mod ieħor. Hawn ġew hawn atmosfera ta’ familja li ma ssibx bħala band’oħra, u għalkemm hemm nies li jiġu u jmorru, dawk il-membri li huma tal-qalba għandhom rabta soda u konsistenti bejniethom li jagħmlu dan il-post wieħed fejn verament tieħu gost taħdem.” Il-ħiliet amministrattivi ta’ Marisa mhumiex l-unika ħaġa li ttimbraw il-parti l-kbira tal-karriera tagħha. Hemm ukoll il-ħajja fid-dar, fejn hija omm ta’ żewġ ulied adulti li wieħed minnhom, Adam ta’ 22 sena, għandu bżonnijiet speċjali. Kienu t-twelid u t-tfulija ta’ Adam li nebbħuha biex tidħol għax-xogħol tal-karità.

Moda għall-ġbir ta’ fondi għal Beyond the Moon fil-lukanda Corinthia Palace

“Meta sirt naf li Adam kellu dannu fil-moħħ, ma kellix idea x’kien ġej għalija fil-ħajja.” qaltilna, “Għalhekk għamilt kuntatt ma’ ġenituri oħra u bdejt nieħdu l-Institute of Brain Injured Children bit-tama li ngħin lilu, u anke lilna, biex inkampaw. Bħala riżultat għent flimkien ma’ ġenituri oħra biex inwaqqfu l-Fondazzjoni Step By Step, biex noffru appoġġ lill-familji li kienu għaddejin minn diffikultajiet simili, u f’kemm ili ngħid sibt ruħi nokkupa l-post ta’ president tal-organizzazzjoni.

“Saret parti sinjifikanti minn ħajti. Kont nitlaq mill-uffiċċju wara jum sħiħ ta’ xogħol biex inqatta’ tlieta jew erba’ sigħat ma’ Adam, nagħtih dak li hemm bżonn – tkun terapija konjittiva, terapija okkupazzjonali jew fiżjoterapija. Dan għamel differenza pożittiva kbira għal ħajtu, u għal ħajti wkoll.” Kien fl-2006 li Marisa semgħet għall-ewwel darba dwar Beyond the Moon (BTM) – il-karità li kellha ssir parti integrali minn ħajjitha. Dak iż-żmien il-Corinthia Hotels International għażlet il-BTM bħala l-karità uffiċjali tal-Grupp u kull proprjetà ntalbet tinnomina promotur biex jieħu ħsieb il-ġbir tal-fondi.

“Marisa u t-tim tal-Corinthia Palace ġabru ‘l fuq minn €85,000 għall-karità, u għenu tnax-il familja jieħdu vaganza.”

“Nicky Borg, il-general manager ta’ dak iż-żmien, innomina lili għax kien jaf li kelli għal qalbi x-xogħol tal-karità. Jien mill-ewwel inġbidt lejn il-ħidma ta’ Beyond the Moon. Din il-karità tagħti l-opportunità lil tfal b’mard serju u lill-familji tagħhom li jgawdu vaganza barra minn Malta, ‘il bogħod mill-ħsieb ta’ sptarijiet u tal-kura ta’ kuljum. Bdejna l-attività tal-ġbir tal-flus kważi mill-ewwel.”

F’dawn is-snin, Marisa u t-tim tal-Corinthia Palace ġabru ‘l fuq minn €85,000 għall-karità, u għenu tnax-il familja jieħdu vaganza. “Ladarba aħna nagħmlu dan il-ġbir għall-BTM, ifisser li nkunu aħna wkoll li nagħżlu l-familji li jingħataw il-vaganza,” qalet Marisa.“Matul is-snin irnexxilna ngħinu ftit nies tassew inkredibbli, inkluża familja li għandha żewġt itfal bid-dannu f’moħħhom, illi tħallew ukoll jieħdu t-tielet adult magħhom biex jgħin fil-problemi loġistiċi li ovvjament setgħu jinqalgħu. F’okkażjoni oħra tajna l-għajnuna lill-familja ta’ membru tat-tim tagħna stess; b’dispjaċir kbir il-ġenituri tilfu lill-wild tagħhom ftit ġimgħat biss wara li ġew lura mill-vaganza, li jagħmilha aktar importanti għalihom li setgħu jaqsmu dik l-esperjenza flimkien.”

Illum il-ħajja ta’ Marisa hija marbuta sew mal-karità Beyond the Moon, u sehem sostanzjali tax-xogħol tagħha fil-lukanda għandu x’jaqsam mal-attività tal-ġbir tal-fondi. Hija żviluppat ukoll ħbiberija fil-qrib ma’ Pascale Somers, il-viċipresident u kofondatur tal-karità. Dan wassal infatti biex xi sentejn ilu Marisa u l-familja tagħha ngħataw rigal ta’ vaganza Beyond the Moon għalihom stess, illi ħabtet maċ-ċelebrazzjonijiet tal-għaxar anniversarju tal-karità fil-Belġju, il-pajjiż fejn il-BTM hija bbażata. “Il-fatt li stajna nsiefru flimkien bħala familja ta’ erbgħa kien ta’ barra minn hawn,” qalet Marisa, “kienet xi ħaġa li qatt ma stajna nimmaġinaw li nagħmlu waħedna. Mhi ħaġa xejn faċli li tkun ġenitur ta’ tifel bi bżonnijiet speċjali, għalhekk l-opportunità li ngħaddu ftit żmien ta’ mistrieħ flimkien kienet meraviljuża, u wriet kemm tassew huwa importanti x-xogħol li tagħmel il-Beyond the Moon.”

Meta tħares ‘il quddiem Marisa ma tistax tistħajjel ħajjitha maqtugħa minn xi forma ta’ xogħol għall-karità – wara kollox, tieħu sodisfazzjon kbir mill-għajnuna li tagħti lil ħaddieħor. “Għandi għalfejn nirringrazzja ‘l-lukanda li tatni l-ispazju biex naħdem fuq proġetti għall-karità, sew jekk huma l-fieri ta’ kull sena, jew il-bejgħ tal-għamara, jew il-ġbir ta’ fondi internament. It-tim kollu verament rabat qalbu mal-karità Beyond the Moon u tassew iħobb jaħdem għalija.”

Il-banda tar-Royal Marines Association iddoqq fil-lukanda Corinthia Palace għal Beyond the Moon