Palazz tat-Tlellix

Il-lukanda Corinthia Palace tiċċelebra l-50 anniversarju 

Ħamsin sena ilu l-lukanda Corinthia Palace f’Malta fetħet il-bibien tagħha uffiċjalment. Insider+ jindaga fuq kif inħolqot din il-proprjetà ikonika u fuq il-post li għandha fil-qalba tal-istorja tal-Corinthia.

Meta l-familja Pisani akkwistat Villa Refalo, ħadd m’għaddielu minn rasu kif din il-binja eleganti mibnija fil-bidu tas-Seklu 20 fuq stil Taljan kellha tkun il-pedament ta’ wieħed mill-gruppi ta’ lukandi ta’ lussu l-aktar ta’ suċċess fl-Ewropa.

Il-villa nxtrat minn Paul Pisani, ftit qabel ma miet fl-1960, u hekk kif il-familja Pisani kienet għadha bil-luttu, biex ikollha dak id-daqsxejn dħul żejjed bdiet tikri l-villa għat-tiġijiet u l-cocktail parties. Imma l-familja Pisani kellha ħsibijiet aktar ambizzjużi. Bix-xewqa li jgawdu l-aħjar mill-potenzjal kummerċjali tagħha, sa l-aħħar tal-1962 kienu ttrasformaw il-proprjetà f’ristorant ta’ gost raffinat.

Il-bini għandu soqfa għoljin u arkitettura klassika, b’kolonni tal-ġebel skanalati li fil-quċċata għandhom kaptell dekorattiv, u kien dan l-intern evokattiv tal-Greċja tal-Qedem li nebbaħ l-isem il-ġdid tan-negozju. Kienet il-matrijarka tal-familja Josephine Pisani, li tatu l-isem ta’ Corinthia, u r-Ristorant Corinthia Palace fetaħ fis-sitta ta’ Diċembru 1962. 

 

Il-menù à la carte tar-ristorant Corinthia Palace fl-1962.

 

Hawn mill-ewwel bdew jidhru l-marki distintivi tal-isem tal-Corinthia: attenzjoni perfetta għad-dettall, u filosofija li fuq kollox tfittex li tilħaq livell ta’ eċċellenza f’kull qasam tal-operat tar-ristorant. Kienet esperjenza ta’ ikel fin b’aċċent fuq il-klassiku: pożati tal-fidda, klijenti rġiel kollha bl-ingravata, u menù à la carte fejn il-foie gras kien jiswa tliet xelini u l-lobster cocktail is-somma rjali ta’ erba’ xelini u nofs.

Fis-sentejn li segwew, bis-saħħa tax-xogħol iebes u bil-popolarità li akkwista ma’ klijenti li jfittxu l-kwalità, ir-ristorant kien sejjer tajjeb. Fl-istess ħin Malta kienet qiegħda tinbidel, toħroġ mill-passat kolonjali u tiżviluppa f’nazzjon konfidenti u indipendenti, wieħed li beda jagħraf il-benefiċċji li s-setturi tal-ospitalità u t-turiżmu setgħu jġibu għat-tkabbir ekonomiku.

Hekk kif Malta ħadet l-indipendenza mill-Gran Britannja fl-1964, Alfred Pisani u ħutu lemħu opportunità ġdida fejn setgħu jibnu fuq is-suċċess tagħhom. Il-gvern il-ġdid ta’ Malta kien qed joffri inċentivi ta’ taxxa u finanzjament lill-iżviluppaturi, u l-familja Pisani kellha viżjoni.

 

Fejn beda kollox: is-sala tal-ikel klassika tal-lukanda Corinthia Palace – il-Villa Corinthia.

L-ewwel pjan ta’ Alfred Pisani kien wieħed modest: ried jibni lukanda ta’ 40 kamra ħdejn ir-Ristorant Corinthia Palace. Imma kien hemm intopp: biex tikkwalifika għall-għajnuna tal-gvern kien meħtieġ li jinbnew mill-inqas 150 kamra. Minkejja li dan kien ifisser li jtella’ l-istima għal aktar mit-tripplu, Alfred Pisani irreveda l-proposta tiegħu għal waħda ta’ 156 kamra. B’xi mod kien isib minn fejn iħallas l-ispiża żejda.

Wara li tkellem ma’ diversi banek, in-National Bank of Malta stieden liż-żagħżugħ Pisani ta’ 23 sena biex jagħmel applikazzjoni, u biex jattendi sessjoni biex jiddiskutu l-arranġamenti tas-self. Meta ra kemm kien għadu żgħir iċ-chairman tal-bank kien sorpriż u staqsa lil Alfred Pisani jekk kienx hemm xi ħadd miegħu għal-laqgħa. Ħadd ma baqa’ mistagħġeb daqs l-imprenditur żagħżugħ innifsu meta s-self ġie approvat kollu kemm hu.

L-istorja tal-Corinthia Palace u tal-familja Pisani inkroċjat b’mod qawwi mal-istorja ta’ Malta stess. Fl-1957 missier Alfred Pisani kien introduċih ma’ perit Malti jismu Dom Mintoff, u kienet ħaġa naturali li jqabbad lil Mintoff biex jissorvelja x-xogħol tal-inġinerija arkitettonika u strutturali tal-lukanda. Fi ftit snin, kif nafu, Mintoff kellu jsir protagonist ewlieni fl-iżvilupp ta’ Malta, bħala l-prim ministru magħruf tal-pajjiż bejn l-1971 u l-1984.

Rappurtaġġ fil-gazzetti tal-jum tal-ftuħ, li juri lill-Gvernatur Ġenerali ta’ Malta Sir Maurice Dorman flimkien ma’ Alfred Pisani jeżaminaw mudell tal-lukanda.

Sadattant id-ditta arkitettonika Ingliża Cassidy Farrington & Dennys ħadet f’idejha r-responsabbiltà għall-intern tal-lukanda. Il-finanzi biex isir il-bini anness mal-villa, bid-disinn distintiv forma ta’ Y, kienu skarsi, u Alfred Pisani u ħutu kellhom jagħmlu ħafna mix-xogħol tal-bidu huma stess, anke jqiegħdu l-konkos b’makna żgħira li tħallat is-siment għaddejja minn filgħodu sa tard billejl. Kien xogħol ta’ dedikazzjoni, eżempju perfett tal-impenn u l-heġġa li hemm fil-qalba tal-istorja tal-Corinthia.

 

L-intern kif kien fl-1968, disinn tad-ditta Ingliża tal-periti Cassidy Farrington & Dennys.

Ladarba l-bini beda tiela’, ma seta’ jonqos bl-ebda mod li jinstab l-aqwa talent internazzjonali biex imexxi l-lukanda għal dan il-lukandier pijunier. Il-General Manager kien Spanjol, il-Food & Beverage Manager Ġermaniż, l-Executive Chef Franċiż. It-taħlita multikulturali rikka kienet tinkludi sous chefs Ġappuniżi, flimkien ma’ ħaddiema Taljani, Franċiżi u Ingliżi f’karigi għolja oħrajn. Hekk kif resqet id-data tal-ftuħ f’Ġunju 1968, daħlet għalihom il-providenza. Sar magħruf li l-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, kien se jkun Malta fit-tieni ġimgħa tax-xahar, u laqa’ bi pjaċir l-istedina tal-familja Pisani biex jiftaħ formalment il-lukanda fil-11 ta’ Ġunju. Sentejn u nofs wara li nbeda l-proġett, il-lukanda Corinthia Palace kienet miftuħa, tilqa’ l-ewwel klijenti tagħha u tipprovdi xogħol għal aktar minn mitt impjegat.

Alfred Pisani mal-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, fil-ftuħ tal-lukanda Corinthia Palace nhar il-11 ta’ Ġunju 1968.

 

Il-Corinthia Palace fl-1968.

In-negozju ma naqasx. Ġew speċjalment viżitaturi mill-Ingilterra li kienu jridu jduqu l-offerti klassiċi Mediterranji tal-lukanda. Matul is-snin il-Corinthia Palace naqqxet isimha bħala waħda mil-lukandi klassiċi ta’ lussu li huma mfittxija, u ospitat għadd ta’ konferenzi internazzjonali ta’ livell għoli, fosthom l-aktar reċenti l-Laqgħa taċ-CHOGM fl-2015.

Sa l-aħħar kwart ta’ din is-sena, il-lukanda Corinthia Palace se tkun temmet programm ta’ rinnovament ta’ €6 miljun, fejn tkun għolliet il-livell tas-servizzi tagħha b’titjib fil-kmamar, fil-lifts u ż-żoni ta’ servizz, kif ukoll fl-ispa mfassal apposta għal domanda ta’ lussu. It-trasformazzjoni tinkludi wkoll il-ħolqien ta’ kmamar eżekuttivi ġodda u salott eżekuttiv – żviluppi li se jkomplu jiddistingwu l-lukanda bħala waħda mid-destinazzjonijiet ta’ ħames stilel l-aktar imfittxija f’Malta.

 

Kamra tas-sodda fit-tielet sular, Ġunju 2018: parti mir-rinnovament ta’ €6 miljun li għaddej bħalissa fil-lukanda Corinthia Palace.