Nelevaw l-Għajxien

Messaġġ miċ-Chairman 

Hekk kif deħlin fir-raba’ kwart tal-2018, ninsab ferħan li naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar dawk li huma żmijinijet eċċitanti għall-Kumpaniji tagħna. Das-sajf li għadda mmarka mument important fil-vjaġġ tagħna – il-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-ewwel lukanda tagħna, il-Corinthia Palace. Tistgħu timmaġinaw x’esperjenza tremenda kienet li tara l-evoluzzjoni ta’ din il-kumpanija – mill-ewwel passi umli tagħha għal fejn ninsabu llum.

F’Lulju li għadda kelli l-pjaċir nattendi l-laqgħa annwali tad-diriġenti anzjani tal-Corinthia, li din is-sena saret f’Lisbona. Dawn l-okkażjonijiet jipprovdulna forum biex niddiskutu fejn qegħdin u fejn sejrin, biex nirriflettu dwar il-lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-passat, u nieħdu l-aħjar pożizzjoni biex niffaċċaw il-futur. Il-vjaġġ tal-Corinthia beda fl-ewwel tas-snin 60. Kienet dinja differenti dak iż-żmien, kif kienet ukoll l-industrija globali tal-ospitalità. F’dawk is-snin it-turiżmu fil-Mediterran kien għadu jitwieled, u mhux l-inqas fiċ-ċkejkna Malta. Il-ħolqien tal-ewwel lukanda Corinthia fl-1968 – il-Corinthia Palace – kien prodott imprenditorjali ta’ żmienu – maħsub ftit wara li Malta ħadet l-indipendenza u mogħti l-enerġija mill-ispirtu ta’ dak iż-żmien – id-deċennju li ġab bidla kulturali bla preċedent u li ra l-bidu madwar id-dinja tat-turiżmu u s-safar għall-pjaċir.

Dawk li attendew il-Laqgħa tal-kapijiet f’Lisbona 2018.

Meta salpajt f’din l-odissea ma kelli ebda mira oħra f’rasi ħlief li noħloq lukanda ta’ klassi, ma kelli ebda ħjiel li nofs seklu wara l-isem tal-Corinthia – u dak li jirrappreżenta – kien se jiġbed tant rispett f’daqstant pajjiżi. Illum l-International Hotel Investments plc għandha kapital maħruġ ta’ €615-il miljun u assi li jiswew €1.6 biljun. Għandna 21 lukanda fi tliet kontinenti li huma tagħna jew li noperawhom aħna – 13 minnhom iġibu l-isem tal-Corinthia, waqt li erba’ oħra qegħdin fi stat ta’ żvilupp.

Is-sena l-oħra, il-lukandi tagħna reġgħu għal darb’oħra rreġistraw riżultati aħjar, bl-EBITDA aġġustat tal-Grupp IHI jitla’ ‘l fuq minn €61 miljun, imqabbel mat-€53 miljun tas-sena ta’ qabel. Meta tikkonsolida n-negozji kollha tal-Grupp, dan jirrappreżenta żieda sena b’sena ta’ 16 fil-mija. Dawn iċ-ċifri juru kisbiet notevoli u jixhdu verament kemm imxejna ‘l quddiem. Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret aktar kmieni din is-sena stajt inħabbar b’sodisfazzjoni lill-azzjonisti tagħna li matul l-2017 il-Kumpanija għamlet profit nett wara t-taxxa ta’ €14.9 miljun, riżultat rekord fit-18-il sena ta’ storja tal-IHI.

F’Awwissu, l-IHI ippreżentat ir-Rapport ta’ Nofs is-Sena tal-Grupp għall-2018, u għal darb’oħra kelli l-pjaċir ninnota kemm il-pożizzjoni finanzjarja tagħna għandha bażi soda, u kemm id-dħul tal-lukandi tagħna għadu b’saħħtu. Iċ-ċifri ta’ nofs is-sena jagħtu indikazzjonijiet ċari li l-2018 se tkun sena oħra ta’ success.

Din is-sena ġie li qgħadt naħseb fuq dak li ġara f’dawn l-aħħar ħamsin sena. Kull deċennju kixef saff ġdid minn dawk li hemm fl-istorja tal-Corinthia, li fuqhom huma msejsa l-pedamenti tal-Kumpanija. F’ħafna aspetti, l-ewwel fażi, speċjalment dik tas-snin 70 u 80, kienet żmien ta’ sperimentazzjoni impulsiv.

F’dawk is-snin, l-ewwel ġenerazzjoni ta’ “Korinti”, li kienu jaħdmu b’determinazzjoni li ma bħalha u li ntrabtu bl-istandards eżiġenti li mmirajna għalihom mill-bidu nett, kienu l-pijunieri għal dak li għandna llum.  Il-ħidma tagħna fiż-żewġ deċennji wara l-ftuħ tal-Corinthia Palace fl-1968, rat il-bini ta’ tliet lukandi ġodda f’Malta u inawgurat il-perijodu fejn ħadna l-ewwel passi fis-swieq internazzjonali.

“F’dawk is-snin, l-ewwel ġenerazzjoni ta’ “Korinti”, li kienu jaħdmu b’determinazzjoni li ma bħalha u li ntrabtu bl-istandards eżiġenti li mmirajna għalihom mill-bidu nett, kienu l-pijunieri għal dak li għandna llum.”

Is-snin 70 u 80 rawna nibnu u niftħu ħames lukandi fit-Turkija u waħda fit-Tunisija u nwaqqfu operazzjoni kbira ta’ catering fil-Libja li kienet isservi madwar 25,000 ikla kuljum. Kien kapitlu kruċjali fl-iżvilupp tagħna, għaliex kienet din l-inizzjattiva li, kważi waħedha, imliet ‘il-Kumpanija tagħna bil-qawwa li tikber fis-snin 90 u lil hinn minnhom.

Fis-snin 90 akkwistajna proprjetajiet f’Budapest u fi Praga fejn il-Corinthia meddet l-ewwel passi fl-Ewropa kontinentali. Imbagħad segwew Lisbona, St Petersburg u Tripli fil-bidu tas-snin 2000.  Aktar tard ftaħna f’Khartoum, u naturalment wara, fl-2011, f’Londra. Illum l-istorja għadha għaddejja: żewġ lukandi ġodda prominent fi Brussell u Dubai se jingħaqdu mal-lista fl-2020, waqt li dik ta’ Bukarest se tiftaħ aktar tard is-sena d-dieħla. Il-proġett ta’ Doha mistenni jitlesta fiż-żmien għat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA li se tintlagħab fil-Qatar fl-2022.

Impressjoni artistika tal-Corinthia Hotel and Residences Meydan Beach f’Dubai – waħda minn erba’ lukandi ġodda li qed jiġu żviluppati bl-isem tal-Corinthia.

Sadattant il-portafoll ta’ proprjetajiet taħt it-tmexxija tagħna jkompli jespandi. Qed naraw sidien terzi aktar u aktar ansjużi biex ikollhom ‘il Corinthia topera l-proprjetajiet tagħhom bl-istandards eżiġenti tagħna. Permezz tal-kumpanija ta’ żvilupp tagħna, il-Corinthia Developments International (CDI), aħna nkunu dejjem nesploraw il-vijabilità ta’ proprjetajiet ġodda għall-Corinthia – ikun fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani, fl-Istati Uniti jew fl-Asja. Anke f’Malta, hemm għaddejjin proġetti daqstant ambizzjużi: irridu ngħollu l-lukandi Corinthia ta’ San Ġorġ għal-livell ta’ sitt stilel u niżviluppaw 80,000 metru kwadru ta’ art fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.

Waqt li sal-2004 kellna l-vantaġġ li l-operazzjonijiet ta’ catering industrijali tagħna kienu jiffinanzjaw l-investimenti tagħna fil-lukandi, illum sar essenzjali, bil-viżibilità u l-għarfien internazzjonali li għandna, li nvaraw fond ta’ investiment għalina, biex isostni t-tkabbir ulterjuri tagħna ħalli jkollna aktar lukandi, u jiena tlabt lill-management biex isegwu dan il-għan u jtuh l-ogħla prijorità.

Hekk kif wasalna fl-aħħar kwart tal-2018, diġà nistgħu naraw il-kisbiet eċċitanti li għamilna u l-proġetti ġodda li tellaqna. Aħna magħrufin għall proprjetajiet preġjati u s-servizzi rebbieħa tagħna, imma ejja ma ninsewx lin-nies tagħna – il-kollegi – li huma bla dubju l-aktar assi important li għandna.

L-għan tal-Corinthia mill-bidu nett kien li jagħti l-inizjattiva f’idejn l-individwu – li jgħin lill-impjegati jilħqu l-ogħla potenzjal tagħhom, u b’hekk jgħixu ħajja aktar mimlija huma, il-familji tagħhom u anke l-klijenti tagħna. Il-Corinthia bdiet bħala negozju tal-familja, u għalkemm kibret f’xi ħaġa kemmxejn differenti, xorta għadna ngħożżu l-valuri prezzjużi ta’ familja: il-membri jieħdu ħsieb xulxin, jagħtu appoġġ personali u jaqsmu bejniethom dak li jitgħallmu. Nisimgħu wieħed lill-ieħor u nispiraw lil xulxin, biex joħroġ l-aħjar f’kull wieħed minna, sew bħala professjonisti, imma aktar important bħala bnedmin.

Il-marka li l-Corinthia għandha llum hija prodott tal-isforzi li saru fuq medda ta’ nofs seklu biex nilħqu l-eċċellenza u nirrenduha, b’wiċċ uman, f’kull aspett tax-xogħol tagħna. Dik il-folosofija ġiet espressa b’terminu li jiftiehem tassew ċar li jiddeskrivi l-mod kif aħna nimxu f’xogħolna: “il-Ħila fl-Attenzjoni”. Din il-frażi tistrieħ fuq il-kunċett tal-“Ispirtu tal-Corinthia”, jiġifieri l-impenn li nħarsu lin-nies kollha tagħna, u lejn dawk kollha li niltaqgħu magħhom f’xogħolna. Naturalment huwa kruċjali li naraw kif se nkomplu nesprimu l-isem tal-Corinthia fil-futur, u x’se jkunu l-valuri li nħaddnu fil-qalba ta’ ħidmitna. Il-frażi “il-Ħila fl-Attenzjoni” serviet ta’ siwi speċjali għalina. Hija frażi memorabbli li ġabret f’żewġ kelmiet id-devozzjoni lejn il-Kreattività u l-Preċiżjoni, u x-xogħol mirqum bil-passjoni li jiddefinixxi l-mira tagħna.

Imma issa wasal iż-żmien li nitkellmu b’mod aktar profond dwar dak li nagħmlu. Biex nagħmlu dan irridu nħarsu lejn l-għeruq tagħna – il-motivazzjoni fondamentali tagħna bħala imprendituri li għandna l-lukandi u li għandna l-ħaddiema – motivazzjoni li hi kkristallizzata fl-Ispirtu tal-Corinthia.

Sempliċi: l-għan tagħna hu li nispiraw – li nelevaw l-għajxien ta’ xulxin u tal-klijenti tagħna. Aħna minn dejjem konna sodi f’dan il-ħsieb. U bih f’moħħna, din il-ħarifa se nibdew nadottaw frażi ġdida u vitali li se tkun fil-bażi tal-komunikazzjonijiet pubbliċitarji tal-Corinthia. Din il-frażi hi “Nelevaw l-Għajxien”. Tgħodd tajjeb sew għar-rwol tagħna bħala kumpanija li tħaddem u li hi kommessa għall-ġid u l-iżvilupp tal-ħaddiema tagħha, kif ukoll għall-għan ċentrali tagħna li nipprovdu ospitalità ta’ lussu skont id-domanda. Matul is-sena li ġejja, it-timijiet inkarigati mill-marketing u l-PR se jgħinu biex niċċaraw aħjar kif il-kunċett “Nelevaw l-Għajxien” se jintgħaġen fil-messaġġi ta’ komunikazzjoni tagħna.

Fl-aħħar nett ippermettuli ngħid kemm ħadt gost li l-informazzjoni li hawn f’din l-edizzjoni tal-ħarifa tal-Insider+ tagħmilkom aktar midħla ta’ dak li nagħmlu u kif nagħmluh – l-għan tagħna u l-kisbiet tagħna, kif ukoll l-isfidi u l-opportunitajiet għall-quddiem. Huma stejjer li jvarjaw minn dawk li jagħtu l-‘istampa l-kbira’ tar-riżultati finanzjarji tal-Grupp għal dik ta’ impjegata żagħżugħa li laħqet livell ta’ eċċellenza fil-lukanda fejn taħdem. Kull azzjoni tagħna sservi biex tiddefinixxi l-Ispirtu tal-Corinthia. Huwa dan li jorbotna flimkien u li fuqu tistrieħ id-determinazzjoni tagħna li naqsmu bejnietna dak li nafu u b’hekk insaħħu ‘l xulxin f’xogħolna. Jien nibqa’nisħaq man-nies tagħna – mill-aktar membru ġdid sa l-ogħla kapijiet – li jgħixu b’dan il-motto, li jkunu perfetti f’xogħolhom u li jieħdu ħsieb xulxin, għax m’għandix dubju li meta nagħmlu hekk noħolqu enerġija pożittiva li tkun ta’ għajnuna għal dawk kollha li mmissulhom ħajjithom.

Iċ-Chairman is-Sur Alfred Pisani fil-Laqgħa tal-kapijiet tal-Corinthia Hotels f’Lisbona f’Lulju 2018.